Jew Bawbaw:  Isem ta’ karattru mill-ħsieb u l-immaġinazzjoni li l-kbar kienu jużaw biex ibeżżgħu t-tfal bih. Eż. ‘Ara ġej il-babaw’ (anke baw baw). Mid-dehra ma kienux biss il-Maltin, li kienu jbeżżgħu t-tfal bil-Babaw. Fl-Italja u anke fi Franza l-kbar kienu jbeżżgħu lit-tfal bil-bau bau. Fil-fatt bit-Taljan jgħidu “se non la smetti chiamo il Babau!”. F’Venezja lit-tfal ukoll jgħidulhom ‘Se non stai bravo viene il babau e ti porta via’. A. de S. jgħid li fi żmienu t-tfal ukoll kienu jbeżżgħu lil xulxin bil-babaw. Fil-karnival ta’ Venezja l-karattru tal-Bau Bau hu rraffigurat minn bniedem liebes maskra bajda msejħa La Bauta.  Ma’ din il-maskra tintlibes ukoll daqna sewda, kappell trikott u mantell li jgħatti l-ġisem kollu. L-influwenza tal-kultura Venezjana kienet tinħass f’Malta speċ minħabba l-kummerċ u l-alleanzi navali li kienu jeżistu bejn Malta u Venezja fis-sekli sbatax u tmintax. Biss din il-kelma setgħet ukoll daħlet f’Malta minn Sqallija għax wara kollox din il-gżira hi eqreb lejn Malta u l-kummerċ kienikbar minn dak ma’ Venezja.  Illum il-kelma babaw tintuża wkoll b’sens superlattiv u pożitiv. Eż.  ‘Għandu dar babaw’ – jiġ. – għandu dar sabiħa ħafna;  Sors: www.delpiano.com.