Anemonia sulcata. Kreatura bejn pjanta u frotta tal-baħar qisha ħaxixa ikkulurita u bi swaba’ rqaq li jagħtu f’kuluri differenti, l-aktar fil-vjola. Din tikber mal-blat f’qiegħ il-baħar. L-artikli jinqabdu billi jinqalgħu b’sikkina jew mgħarfa minn mal-blat fejn ikunu mwaħħlin. Ġen., l-artikli jissajru moqlijin bħal frejjeġ bil-bajd imħabbat magħhom. Dari aktar mil-lum, kont tara ħafna għawwiema fis-sajf, li l-hena tagħhom kienet li jaqilgħu l-artikli minn mal-blat qrib ix-xatt, fejn l-artikli ssibhom hekk kif titfa’ saqajk fl-ilma fejn hemm il-blat. Tal. Ortica / ardicula. Ing. Sea anemone.