Tip ta’ xogħol artistiku u arkitettoniku li kien ikkreat fl-Ewropa bejn l-1880 u l-1910 minn artisti ‘rivoluzzjonarji’ li riedu joħolqu stil ta’ arti differenti minn dak li kien prevalenti fi żmienhom. Kien hemm diversi ismijiet oħra mogħtija lil dan l-istil. Pereż., fil-Ġermanja dan l-istil hu magħruf bħala Jugendstil, u fl-Imperu Awstrijak-Ungeriż hu magħruf bħala l-moviment tas-Seċċession; fir-Russja, l-isem mogħti kien Moderne, u fl-Italja hu magħruf bħala Liberty Style. L-influwenza tal-Art Nouveau daħlet ukoll bil-mod il-mod f’Malta fis-seklu għoxrin. F’Tas-Sliema, fejn kien tiela’ ħafna bini, inbnew faċċati ta’ djar f’dan l-istil. L-aqwa eżempju ta’ Art Nouveau jinsab fil-binja imponenti li nbniet fis-sena 1928, fil-bajja tal-Balluta, magħrufa bħala Balluta Building. Il-bini fih arkata għolja f’nofsu u l-faċċata hi ddekorata b’disinji li bosta minnhom huma ta’ forma ċirkolari. Il-perit li ddisinja dan il-bini kien Giuseppe Psaila (1891-1960). Binja oħra b’disinji tal-istess stil, biss b’mod aktar moderat, hi dik li hemm qrib din l-istess bajja, aktar lejn it-Torri, f’kantuniera li tħares lejn il-baħar, fit-tarf ta’ Triq Dingli. Din id-dar ġiet irrestawrata riċentement mill-Bank Lombard. Djar oħra li għandhom elementi ċari tal-istil jinsabu mxerrda mhux wisq ’il bogħod, fi Triq Isouard. Fil-bini ta’ wara l-Gwerra kienu infilsati bosta elementi dekorattivi tal-Art Nouveau f’diversi binjiet f’lokalitajiet differenti f’Malta. Ara: 5,000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney, p. 274