F’Malta u Għawdex jinsab numru kbir ta’ arloġġi tax-xemx imnaqqxin fil-ħajt. L-arloġġ jaħdem bl-aktar mod sempliċi, biss ix-xogħol ta’ tħejjija tiegħu jirrikjedi għerf fil-ġeofiżika. Dan għaliex wieħed irid ikun għaref f’dan il-qasam biex jippożizzjona l-arloġġ bi preċiżjoni u jiddividi s-siegħat skont id-direzzjoni tax-xemx matul il-jum u matul is-sena. L-arloġġ irid iħares lejn in-Nofsinhar, bil-virga li titfa’ d-dell fuq l-arloġġ, (imsejħa l-gnomon – Gr. indikatur), tħares preċiż lejn it-Tramuntana. Dan l-arloġġ jista’ jkun impinġi mal-ħajt jew inkella mnaqqax fuq ġebla ċatta mal-art. Il-wiċċ ta’ l-arloġġ ikun maqsum f’diversi linji, u kull segment jirrappreżenta s-siegħa. Xi wħud mill-arloġġi juru x-xahar u oħrajn anke s-sinjali żodijakali. Insibu eżempju bħal dan  mal-ħajt tal-Casino Maltese, li jinsab fi Pjazza Repubblika, il-Belt Valletta.  Ara: Maltese Sundials ta’ Paul I. Micallef, 1994. ‘the Malta Sundial’ ta’ Joe Azzopardi, www.sundials.co.uk.