Dan l-arloġġ hu xogħol tas-sengħa fl-injam, li jmur lura mill-inqas żewġ sekli. Mhux ċara r-raġuni għaliex dan it-tip ta’ arloġġ jgħidulu ‘tal-lira’. Hawn minn jgħid li dan jissejjaħ hekk għax kien jixbaħ strument mużikali tal-kordi, qisu arpa forma ta’ ‘U’, li bit-Taljan jissejjaħ lira. Spjega oħra hi, li dan l-arloġġ kienet titqiegħdlu speċi ta’ domna kbira tad-deheb f’tarf il-pendlu, li kienet tixbaħ il-lira, (munita kbira tal-flus ta’ żmien bikri Ingliż). Żgur li t-teorija antika li dan l-arloġġ kien jiswa lira biss mhux minnha. Nafu li Mikielanġ Sapiano, li kien l-aqwa arluġġar f’Malta fis-seklu dsatax, kien jitħallas sittin lira sterlina biex jaħdem arloġġ bħal dan, li għal dak iż-żmien kienu diġà ħafna flus. Dan l-arloġġ dekorattiv jirrikjedi bosta snajja’ fosthom: ix-xogħol tal-injam biex issirlu l-partijiet differentI tal-arloġġ, eż., il-parti ta’ fuq, imsejħa l-kuruna, il-kaxxa, il-parti tan-nofs u l-parti ta’ isfel (il-mensola). Ix-xogħol tal-induratur hu dak li jiksi partijiet minn dan l-arloġġ bil-folji tad-deheb. Dan wara li jingħataw diversi passati bil-ġibs. Imbagħad hemm ix-xogħol tal-makkinarju tal-arloġġ li hu fdat f’idejn l-arluġġar. Ara: Antique Maltese Clocks, Great Exhibitions Revisited, Miranda Publications in association with Fondazzjoni Patrimonju Malti. ‘L-Arloġġ tal-Lira, ta’ Charlie Sammut’, kitba ta’ John Agius, Leħen il-Kunsill Tiegħek, San Ġiljan, Ħarġa nru 34, Ġunju 2010.