Dan il-ġnien li xi wħud isejħulu ‘il-Gotti’ ħa l-isem tal-Kavallier li kien jgħix f’dar li kienet inbniet f’dawk l-inħawi ta’ ħdejn il-knisja ta’ Sarrija u l-Mall, il-Furnjana. Dan il-kavallier kien il-Balliju tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fra Ignatius Argote et Gusman. Dak iż-żmien l-ambjent ta’ hawn kien iħaddar aktar mil-lum. Meta ġew l-Ingliżi, il-ġnien kien mogħti f’idejn l-Università biex isiru fih esperimenti fil-bottanika mill-Fakultà tax-Xjenza Naturali. Minħabba li l-importanza tal-pjanti kienet l-aktar tikkonċerna l-mediċina, il-ġnien beda jissejjaħ L’Orto Medico. Dan kien magħmul mhux biss mill-Argotti iżda anki mill-Mall u mill-ġnien imsejjah Ta’ Lucano. Alexander Ball innomina lil-Carolus Giacinto, patri Ġenoviż, bħala l-Professur tal-Istorja Naturali, li kellu jieħu ħsieb it-tmexxija ta’ dan il-post. Fl-1923 id-direttur John Borg, kien ta mal-erbat elef pjanta tal-kaktus biex jitħawlu f’dan il-ġnien. Fl-1952 il-ġonna ma baqgħux f’idejn l-Università iżda ġew f’idejn id-Dipartiment tal-Agrikoltura. Dan il-ġnien kien miftuħ għall-pubbliku fl-1972. Ara: Public Gardens in Malta and Gozo (1976) ta’ J. Borg. ‘Gardens of Malta’ p. 125; Argotti Botanic Gardens ta’ Guido Lanfranco, Heritage Vol. V pp. 1468-1472.