1. Tip ta’ rukkell kbir tal-injam li kien jintuża l-aktar fuq il-bastimenti, fil-portijiet jew fil-kostruzzjoni, biex miegħu jiddawwar u jintrabat il-ħabel jew il-kejbil meta jintrefa’ xi oġġett tqil. Dan kien ikollu bosta mqabad minn fejn persuni jkunu jistgħu jdawwru r-rukkell  biex il-ħbula jinġibdu jew jinħallu minn mar-rukkell. Ħafna drabi l-argnu kien jintuża wkoll biex jittellgħu jew jitniżżlu l-opri tal-baħar minn fuq l-iskall. Illum flok l-argnu jintuża l-winċ li jaħdem bl-elettriku. Kien hemm żmien illi fl-Isla, fil-jiem tal-Karnival, kienet issir żifna msejħa, ‘iż-Żifna tal-Argnu’. Xi żgħażagħ kienu jqiegħdu dan il-makkinarju f’nofs it-triq, qrib id-daħla prinċipali tal-Isla, u kienu jiżfnu madwaru għad-daqq tal-mużika.  2. Fil-kuntest modern, l-argnu hu wkoll dik il-magna fil-bieqja li tintuża fil-preparazzjoni tal-għaġina, krema, xkuma, eċċ., biex l-ingredjenti bħal dqiq, ħmira, zokkor, bajd u ilma jitħalltu biex jagħmlu taħlita waħda. Ing. Kitchen mixer. Etim. Tal. argano. Final. Lat. ergata; Gr. ergates – M. jiġ. ‘jagħmel xi ħaġa’ , joperab’mod mekkanizzat). Ara: ‘Carnival time in pre-war Senglea’ ta’ Angelo Dougall, Folklor (ed. Guido Lanfranco).