1. Isem ieħor li  jirriferi għall-merkurju jew l-idraġirju (Hydragyrium – Gr. ilma + fidda, Ing. quicksilver). Dan hu l-uniku metall li mingħajr l-intervent tal-bniedem jinbidel u jsir likwidu. Fl-antik, l-arġentuvivu kien jintuża għal bosta skopijiet, l-aktar biex bih jiddewbu d-deheb u l-fidda. Fis-seklu sittax fl-Ewropa, l-aktar fl-Italja u l-Kroazja, kienu diġà bdew jitħaffru minjieri biex jinstab aktar minn dan il-metall. Dan kien jintuża wkoll bħala diżinfettant fil-mediċina kif ukoll bħala djuretiku. Bl-arġentuvivu kienet tkun ittrattata wkoll il-marda venereali tas-sifilide meta din infirxet fl-Ewropa, wara li x’aktarx l-Ispanjoli li rritornaw mill-Amerika Ċentrali fl-aħħar tas-seklu ħmistax ġabuha magħhom. It-terminu argentovivo jsemmih Agius de Soldanis (1750). Il-kodiċi, kemm tal-Gran Mastru Vilhena (1722-1736) kif ukoll tal-Gran Mastru De Rohan (1784), kienu jipprojbixxu li dan l-element jintuża biex isir l-abort minn nisa. Sors: Knight Hospitaller – Medicine in Malta (1530-1798) ta’ C. Savona-Ventura, p. 35. Bħala materja prima, l-arġentuvivu, , jinstab norm. fi kwantitajiet żgħar ħafna, u mifrux f’diversi kontinenti, l-aktar fiċ-Ċina u fil-Kazakistan. Illum dan il-metall jintuża l-aktar fil-kimika, kif ukoll biex jinħadmu t-tubi tad-dawl florixxenti. L-arġentuvivu jintuża wkoll bħala parti mit-taħlita magħġuna apposta biex biha jimtlew id-dras. Minħabba t-tossiċità tiegħu l-arġentuvivu qed jitwarrab mill-użu fil-ħġieġa tad-deni. 2. Appel. għal xi tifel imqarqaċ u li ma jkollux kwiet f’ġismu. Kien hemm idjoma li tgħid, ‘Dak (it-tifel) għandu l-arġentuvivu fih.’ Il-paragun jingħata għax l-arġentuvivu tarah tiela’ u nieżel u jiċċaqlaq kontinwament mal-iċken tibdil tat-temperatura.