Il-logħob u r-riti li għandhom x’jaqsmu mal-Arblu ta’ Mejju għandhom l-oriġini tagħhom marbut ma’ riti pagani li x’aktarx ġejjin mill-pajjiżi Ġermaniċi. Il-festeġġjamenti tal-Arblu ta’ Mejju għandhom konnessjoni mal-bidu tar-rebbiegħa u allura, simbolikament, għall-Ewropej jirriferu għall-bidu ta’ ċiklu ta’ ħajja ġdida fin-natura. Fl-Italja dawn ir-riti kienu l-aktar popolari fil-parti tat-Tramuntana, eż. l-Lombardija u l-Veneto, u r-reġjuni taċ-Ċentru, eż. fit-Toskana u fl-Umbrija. Kienu l-Kavallieri Taljani li daħħlu f’Malta t-tradizzjoni tal-logħob tal-Arblu ta’ Mejju. Ma’ dan kienu wkoll iħalltu programmi ta’ divertiment, bħalma kienu l-kunċerti ta’ lejlet il-Calendimaggio, li kienu jsiru fi Pjazza San Ġorġ, il-Belt. Bosta żgħażagħ kienu jittantaw jixxabbtu ma’ dan l-arblu biex jilħqu l-ikel fil-quċċata. It-tradizzjoni tal-Arblu ta’ Mejju tkaxkret mill-Belt għal bosta rħula u bliet, fejn din il-logħba bdiet issir ukoll waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tal-lokal f’jiem oħra tas-sena. Jidher li l-logħba ntgħoġbot sew għax baqgħet issir minn żmien għal ieħor anki fi żmien l-Ingliżi. Insibu li din il-logħba saret f’Bormla, fiċ-ċelebrazzjonijiet tar-rebħa ta’ Sebastapol fil-Krimea, fl-1855. Għal xi żmien kien isir ukoll logħob ta’ dan it-tip f’ċerti festi, kemm f’San Lawrenz, il-Birgu, Ħad-Dingli u n-Nadur, Għawdex. Ara: CALENDIMAGGIO. Ara wkoll: Drawwiet u Tradizzjonijiet Maltin ta’  Guido Lanfranco, p. 146.  Ara: ‘Mejju’, p. 559, fid-DAMMA ta’ A. de S. Dan jispjega li l-Arblu ta’ Mejju kien jitwaqqaf quddiem il-Palazz biex miegħu jitilgħu in-nies biex jilħqu l-ikel li kien imdendel minnċirku orizzontali, fuq nett tal-arblu.