Jew albanja.

Idj: kemm int goff, qisek l-Albanja – tingħad lil xi ħadd li għalkemm hu ta’ ċerta statura fiżika kbira, mhuwiex kapaċi jagħmel xogħolu sew. Dan il-paragun kien isir għaliex l-H.M.S. Hibernia kien bastiment kbir u sabiħ, biss kien għal żmien twil, sorġut fil-Port il-Kbir, bla ma qatt jiċċaqlaq, u allura kien ta’ bla użu. ‘L-Albanja’ kien l-isem li bih il-Maltin kienu jsejħu lil H.M.S. Hibernia, li wara sar H.M.S. Egmont, bastiment tal-gwerra Ingliż tas-seklu dsatax. Dan il-bastiment tal-qlugħ kellu tliet gvieret, kien iġorr 130 kanun, u kien twil mat-80 m. Kien varat f’Davenport, fl-Ingilterra fl-1804. Wara l-1814 il-Hibernia ma baqax jintuża aktar, iżda fl-1845, reġa’ beda jagħmel parti min-Navy Ingliża fil-Mediterran għal xi snin. Fl-1855, intbagħat Malta biex iservi bħala ‘bażi’ fil-Port il-Kbir, biex jakkomoda n-nies tal-militar għat-tul taż-żmien li dawn ikunu f’Malta. Dan il-bastiment baqa’ sorġut ħdejn il-Forti Sant’ Anġlu, sakemm fl-1904 kien mibjugħ lill-kumpanija Maltija għal 1,100 lira sterlina, biex jiżżarma u jintuża għall-iskrapp. Minn dan il-bastiment għad fadal biss il-Pulena, li qiegħda għall-wiri fil-Mużew Marittimu tal-Birgu. Espr. Qisek baħri tal-Arbanja. Dan il-paragun jingħad lil xi ħadd li għalkemm jippruva juri li jifhem ma jkun qatt ħadem fl-istess suġġett. Dan bħal meta baħri fuq l-Arbanja ma jiswa xejn għaliex il-bastiment ma jkun qatt salpa ‘l barra mill-Port. (informazzjoni mogħddija mill-Avukat Joe Micallef Stafrace.)