It-tieni sett ta’ tapizzeriji li l-Gran Mastru Perellos kien ikkommissjona  kienu l-arazzi li jinsabu fil-Palazz tal-Gran Mastru, l-Belt Valletta. Dawn huma magħrufin bħala l-Arazzi Gobelin. Dawn jissejħu hekk għaliex inħadmu fil-fabbrika ta’ Gobelin, qrib Pariġi. Is-sett hu magħmul minn għaxar arazzi kbar u sitta żgħar. Kull wieħed minnhom juri xeni mill-isbaħ ta’ annimali u pjanti , imsejħa kollettivament bħala ‘Il-Misteri tal-Indji’. Dan it-titlu jirreferi għall-għeġubijiet ta’ flora u fawnaeżotiċi fl-Afrika, kif ukoll fl-Amerika t’Isfel. Id-disinji kienu magħmulin minn Albert van den Eckout, li kien jispeċjalizza f’suġġetti ta’ dan it-tip, u Frans Prost, li kien espert fil-pittura tal-kampanja. Dawn l-arazzi kienu kummissjonati mill-Gran Mastru Ramon Perellos y Roccaful, fl-1708, biex isebbħu s-sala ż-żgħira tal-Kunsill fil-Palazz, il-Belt. Ara: ‘Exotic Tapestries of the Indies’ ta’ John Manduca fi Treasures of Malta, Summer 1995, Vol 1 no 3, pp. 55-56. ‘The Gobelin Tapestries in the Grand Master’s Palace’ fi Treasures of Malta Christmas 1997, Vol IV no 1, pp. 43-46