F’Malta jeżistu żewġ settijiet ta’ arazzi mill-isbaħ (tapizzeriji dekorattivi kbar li jiddendlu mal-ħajt). Wieħed minn dawn l-arazzi jinsab fil-mużew tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dan hu s-sett magħruf bħala ‘L-Arazzi Fjammingi’ li nġab Malta fl-1701. Dan is-sett hu msejjaħ hekk għaliex kien maħdum minn Judocus de Vos, fil-belt Fjamminga ta’ Brussell. Is-sett hu magħmul minn ħmistax-il biċċa tapizzerija, kull waħda, 7.5m x 6.5m, u minn 14-il pannell żgħir (kull wieħed 2 x 7.5m). Dan is-sett jittratta t-tema ‘It-Trijonf tal-Fidi’. Dawn l-arazzi kienu maħdumin fuq disinn ta’ Peter Paul Rubens u ta’ Nicholas Poussielgue. L-arazzi kienu kkumissjonati mill-Gran Mastru Perellos biex iżejnu l-Knisja konventwali tal-Ordni ta’ San Ġwann. Fl-antik, dawn it-tapizzerji kienu jiddendlu f’San Ġwann, għall-festi ta’ Corpus u ta’ San Ġwann il-Battista, fil-Pentekoste u fl-Imnarja. Ara: ‘The Grand Master’s Gioja at St John’s’ ta’ John Manduca fi Treasures of Malta Easter 1995, Vol I no 2, pp. 47-50. ‘Origins of the Flemish Tapestries’ ta’ Michael Shaw. fi Treasures of Malta Easter 1997, Vol II no 2, pp. 49-52.