Dan hu lsien, jew aħjar grupp ta’ djaletti, li ħarġu mill-ilsien Semitiku tan-naħa tal-Lvant Nofsani. L-Aramajk kien jinkludi fost oħrajn l-ilsien Kangħani, Feniċju u Ebrajk. L-alfabett u l-kitba Aramajka kienu jintużaw fil-kitba uffiċjali tal-amministrazzjoni tal-Ġudea, bejn is-seklu sitta u l-ewwel seklu q.K. Xi wħud mill-kotba tal-Bibbja, kif ukoll il-ktieb tat-tagħlim tal-Lhud, magħruf bħala t-Talmud, inkitbu bl-Aramajk. L-Aramajk kien l-istess lingwa li kien jitkellem biha Kristu, kif ukoll id-dixxipli tiegħu. Fil-kitba Lhudija, l-Aramajk kien jinkiteb b’ittri u bi grammatika differenti, kif jidher fl-iskrollijiet li nstabu fl-għerien, qrib il-Baħar il-Mejjet. L-Aramajk hu miżmum bħala l-ilsien liturġiku f’ċerti Knejjes Insara tal-Lvant Nofsani, bħal pereż. s-Sirjak. L-Aramajk modern hu mitkellem minn diversi gruppi ta’ Nsara, Lhud u Mandeani fl-Asja tal-Punent. Niltaqgħu ma’ bosta ħjiel li jgħaqqdu dan l-ilsien Semitiku mal-Malti fil-Vanġelu, bħal pereż., meta Kristu qajjem mill-mewt lil Tanitaa, it-tifla ta’ Ġajru, meta qalilha: ‘Tanitaa, qumi.’ (Mk 5:21–43, Mt. 9:18–26, u Lq. 8:40–56). Hekk ukoll fl-episodju meta Kristu għamel miraklu fuq waħda truxa, Kristu jgħid, ‘Efatħa’ biex il-widnejn ‘jinfetħu’ u l-mara tkun tista’ tisma’ (Mk 7:34). Frażi oħra li naqraw fit-Testment il-Ġdid bil-kliem Aramajk hi: ‘Eli, Eli, lema sabaqtani?’ – M. ‘Alla tiegħi, Alla tiegħi, għaliex tlaqtni?’ L-Aramajk baqa’ lingwa komuni u b’saħħitha fost il-Lhud, l-aktar bejn it-tielet u s-seba’ seklu w.K. Imbagħad, biż-żmien  din kienet megħluba fl-importanza mill-ilsien Għarbi. Bosta kienu dawk l-istudjużi li kienu jemmnu li l-Malti ġej mill-Aramajk. Il-filologu Ġermaniż Carl Brockelmann (1848-1956) kien ħareġ studju li fih qabbel il-Malti ma’ ilsna oħra Semitiċi, fosthom l-Għarbi, il-Lhudi u l-Aramajk. Iż-żewġ volumi ta’ dan l-istudju kienu ħarġu bil-Ġermaniż, bl-isem Grundriss der vergleichenden Grammatik der semitischen Sprachen (Studju Komparattiv tal-Grammatika tal-Ilsna Semitiċi (1910-1913). Edizzjoni ta’ dan il-ktieb bil-Malti kienet ħarġet fl-1956.