Tip ta’ arti dekorattiva li tispira ruħha mill-arti u l-arkitettura Iżlamika. L-arkitettura u l-arti Arabeska jmorru lura sas-seklu disgħa, u huma bbażati l-aktar fuq tinqix maħdum fuq il-ġebel, l-aktar fil-forma ta’ weraq, bħallikieku dan il-weraq ħiereġ mill-friegħi ta’ dielja. Fi żmien ir-Rinaxximent din l-arti kienet reġgħet saret popolari immens. Mad-dekorazzjoni tal-weraq issa bdew jidhru anki disinji ta’ fjuri. F’Malta l-arkitettura u d-dekorazzjoni Arabeska bdew jidhru mill-1875 ’il quddiem bis-saħħa tax-xogħol iddisinjat mill-perit Emanuele Luigi Galizia (1830-1908), meta dan kien ikkummissjonat il-bini taċ-ċimiterju tat-Torok, il-Marsa. Galizia kien ispirat mill-arkitettura Musulmana tal-Indja, li hu kien ammira meta kien żar ir-Royal Pavilion fi Brighton. Eżempju ieħor ta’ xogħol b’dan l-istil ta’ Galizia jidher sew fid-djar li hu bena fi Triq Rudolfu, Tas-Sliema. Galizia kien jgħix għal xi żmien f’waħda minn dawn id-djar, imsemmija ‘Alcasar’. Ara 5,000 Years of Architecture in Malta ta’ Leonard Mahoney, p. 236; British Colonial Architecture, Malta 1800-1900, Malcolm Borg, pp. 92-93.