Avverbju li jirriferi għal flimkien, bi ħsieb wieħed, ħaġa waħda. Fil-Lexicon ta’ Mikiel Anton Vassalli (M.A.V., 1796), il-kelma hi spjegata bħala ‘qalb u fehma waħda’. M.A.V. jagħti wkoll dan l-eżempju: immorru annuna – Tal. procediamo concordamente. Temi Zammit juża dan l-avverbju fl-istorja Deni li Safa Ġid, b’dan il-mod: ‘Ix-xitan ma ħamilx li dawn l-ixirka sejrin hekk annuna u qalb waħda u ħaseb li jdeffes denbu bejniethom.’ Sors: Nies Bla Sabar u stejjer oħra, p. 83, Toni Cortis. Qawl: Mikiel Anton Vassalli fil-ktieb tiegħu Motti Aforismi e Proverbii Maltesi (M.A.V., 1828) jagħti dan il-qawl: Rġiel annuna tgħix bla muna. Etim. Tal. all’una, jiġ. flimkien. Sors: J.A