Dawn kienu l-ħakkiema ta’ Malta bejn l-1263 u l-1283. Jissejħu Anġevini għax ir-renju ta’ dawn in-nies Franċiżi kien ibbażat fil-belt ta’Anjou fi Franza. Ftit nafu dwar kif il-Maltin kienu ttrattati f’dan iż-żmien. Biss nistgħu nissoponu x’ġara f’Malta, billi naqraw l-istorja dokumentata aktar bir-reqqa fi Sqallija ta’ dan il-perijodu. Dan minħabba li dak iż-żmien Malta kienet tagħmel parti mid-dominju tal-Anġevini, fi Sqallija. Il-waqa’ tal-Anġevini fi Sqallija fl-1282, serviet biex wasslet ukoll għat-telfa ta’ Malta minn taħt idejhom, sena wara. Dan ġara wara li fl-1283, saret battalja fil-Port il-Kbir bejn l-Anġevini u l-Aragoniżi, fejn skont ir-rakkontatur f’din il-battalja navali, ‘il-baħar tal-Port il-Kbir sar aħmar bid-demm tal-iġsma mejtin’. L-Aragoniżi rebħu din il-battalja biex b’hekk setgħu jieħdu ’l Malta taħt idejhom.