L-ambjent tal-art fl-għalqa li tintuża mill-bdiewa, biex fuqha jkun jista’ jsir id-dris tal-qamħ. Id-dris hu l-proċess fejn il-bidwi, wara li jkun ħasad il-qamħ jew ix-xgħir mill-għelieqi, jibda jissepara l-qamħ mit-tiben u s-sifa, u l-ħaxix ħazin bħas-sikrana. Dan il-proċess isir biex jintagħżel u jinġabar il-qamħ jew ix-xgħir fil-proċess tad-dris. Ix-xogħol tad-dris isir hekk: il-bidwi jitfa’ dak kollu li ħasad fuq il-qiegħa. Imbagħad il-bagħal jew il-ħmar jgħaddi minn fuqu biex jaffeġ, jidres u jkisser is-sbula u b’hekk joħroġ il-qamħ jew ix-xgħir mill-pjanta. Imbagħad, meta l-bidwi jidhirlu li l-qamħ jew ix-xgħir ikun ħareġ mis-sbula, jaqbad il-midra (il-furkettun tal-injam) u jgħolli l-qamħ u x-xgħir fl-ajru, biex ir-riħ jissepara l-qamħ u x-xgħir mit-tiben. B’dan il-mod il-qamħ jew ix-xgħir jaqa’ fl-art, waqt li t-tiben itir lil hinn. (Qawl:awl: riħ ta’ siegħa jnaddaf qiegħa).  J.A. u E.S.I. iqabblu dan mal-qiegħa (bl-Ing. threshing floor). Anton F. Attard jagħmel distinzjoni bejn il-qiegħa u l-andar, għax skont hu, tal-ewwel hi l-art fejn jindires il-qamħ waqt li t-tieni hu l-ambjent tal-madwar, fejn ix-xogħol ikun organizzat. Fuq l-andar ikun hemm il-ħalel (imniezel) taż-żara’ (qamħ u xgħir), it-tiben wara li jindires, il-karfa, il-karrettun u l-għodod tal-qiegħa: il-minġel, il-midra, il-luħ, l-għeriebel eċċ. Espr. ‘għamel andar’ – jiġ. għamel mandra sħiħa. Ħajr: Anton F. Attard.