Il-bniedem minn dejjem ried iżomm fuqu oġġetti li bihom seta’ jħossu protett mill-ħażen kemm naturali kif ukoll dak sopranaturali, kemm f’din id-dinja kif ukoll wara mewtu. B’hekk insibu li ħafna popli mdorrijin jilbsu amuletti madwar għonqhom biex jipproteġuhom. L-aktar amulett famuż li nstab f’Malta hu dak imsejjaħ ‘Amulett Micallef’. Dan l-amulett għandu forma ta’ ċilindru rqiq tal-metall bir-ras ta’ Ħorus, l-alla Eġizzjan b’ras ta’ seqer, bid-disk, (simbolu tax-xemx), u l-uraeus, (simbolu ta’ Horus u tal-farawni Eġizzjani). F’dan iċ-ċilindru kienet instabet papirus b’iskrizzjoni Punika. Din l-iskrizzjoni kienet talba li biha l-mejjet ikun protett mill-perikli li seta’ jiltaqa’ magħhom waqt il-vjaġġ tiegħu hekk kif imut. Dan l-amulett instab waqt xi tħaffir li kien sar fil-propjetà ta’ Dr. Daniel Micallef, fir-Rabat. L-amulett kien ingħata lid-Dipartiment tal-Mużewijiet fl-1969. L-amulett kien intbagħat il-British Museum, fejn il-papirus infetaħ b’attenzjoni liema bħala  biex ma jitfarrakx għax kien veru fraġli. It-test tat-talba ġie ddeċifrat f’Palermo. Ara: ‘Punic Antiquities of Malta and Other Ancient Artefacts held in Ecclesiastical and Private Collections’, pp. 44, 45., Malta – Phoenician, Punic, and Roman, Anthony Bonanno. pp.52, 53.  ‘Some Amulets from Phoenician Malta’, Tancred Gouder. Heritage, Vol.1. pp. 311 – 315.

Amulet case in shape of a falcon’s head. Bronze, laminated from Rabat Tal-Virtu, Malta Height 4.85 cm