Il-kelma almanakk tidher li ġejja mill-Għarbi fejn al  tiftiehem bħala l-artiklu li jmur mal-kelma manakk. Hawn min jinterpreta t-tifsira tal-kelma manakh bl-Għarbi bħala ‘klima’; din hi biss suppożizzjoni. Apparentement, l-ewwel darba li l-kelma almanakk intużat kien fl-1267, meta ċertu Roger Bacon, patri Ingliż, tal-Frangiskani Minuri, kien fisser bil-kitba l-movimenti astrali li kien josserva fis-smewwiet. Wara l-invenzjoni tal-istampar (ċ.1450), l-almanakk kien wieħed mill-ewwel pubblikazzjonijiet mitbugħa. Fil-kuntest Malti, l-almanakk kien beda jkun ippubblikat fl-ewwel snin tas-seklu dsatax. Minn dan il-perijodiku annwali kienu jinbiegħu mal-elf kopja kull edizzjoni. Fl-1873 kien ħareġ almanakk ieħor jismu Il-Ħabib Malti. Dan mhux biss kien iservi għat-tbassir tat-temp iżda kien ukoll iservi ta’ opinjonista tal-Knisja f’Malta. Fl-1929 beda jkun ippubblikat almanakk ieħor. Dan kien imlaqqam bħala ‘l-Almanakk tal-Patri’ għaliex l-editur kien ċertu Patri Oderigo Grima, jew Patri Dorik, (1889-1964), tal-Franġiskani Minuri. F’din il-pubblikazzjoni kont issib tbassir tat-temp ta’ matul is-sena kollha li kien jitfassal skont il-movimenti tal-qamar. Fih kien ikun hemm ukoll kalendarju sħiħ tal-festi tal-qaddisin. Waqt xi diskursata bejn tnejn ġieli kont tisma’ xi ħadd jgħid: ‘X’taħseb li se jiġri?’ – u l-ieħor iwieġbu: ‘jien naf, mela jien l-almanakk tal-patri!’