1. Is-suldat jew uffiċjal militari li jżomm l-istandard tar-reġiment. Fil-każ tal-Ordni ta’ San Ġwann, dan kien il-kmandant tal-korp tal-milizja. Fis-sena 1760, il-Gran Mastru Pinto waqqaf milizja ta’ 225 suldat biex tieħu ħsieb il-bwonordni fil-Belt Valletta. Il-Baruni Stanislao Xara kien appuntat bħala Alfier, jiġ. il-kmandant prinċipali biex imexxi dan il-grupp, li l-iskop tiegħu kien li jagħmilha ta’ pulizija tal-Belt Valletta. 2. Iż-żewġ figurini li jintużaw fil-logħba tal-iskakki li bl-Ingliż jissejħu bishop. Il-kelma ġejja mill-Għarbi u Persjan al fir li tfisser ‘Iljunfant’. Dan għaliex fl-antik il-logħba tal-iskakki kienet anki tinkludi dawn il-figuri biex isiru l-movimenti li llum isiru mill-alfier. L-oriġ. tal-kelma tista’ wkoll tkun ġejja minn al faris li bl-Għarbi tfisser ir-rikkieb taż-żiemel.