Din hi dik il-parti tal-Marsa li tinsab ’il ġewwa nett tal-Port il-Kbir, fin-naħa ta’ fejn illum hemm iż-żona tal-Malta Ship Building u l-Biċċerija. Minn qisu nofs is-seklu dsatax ’il quddiem, din il-parti tal-Marsa bdiet tkun użata biex il-bastimenti tal-merkanzija jittrakkaw u jħottu hemm. Dan għaliex fis-sena 1859 l-Ammiraljat  kien iddeċieda li d-Daħla tal-Franċiżi, jiġ.il-bajja fil-Port ta’ bejn l-Isla u u l-Għolja ta’ Kordin) kellha tkun irriżervata biss għall-irmiġġar u t-tiswijiet tal-bastimenti navali Ingliżi. Kienet deċiżjoni loġika għalhekk li tintgħażel id-daħla tal-Marsa, għax hawn kien għadu fi stat fejn ma kienx hemm abitazzjoni u bini li seta’ jfixkel il-proġett u x-xogħol marittimu. Bdew jinbnew mollijiet u qiegħ il-baħar tħammel sew biex  il-bastimenti setgħu jittrakkaw. Ma’ dan ix-xogħol beda tiela’ anki xi bini amministrattiv u tined biex fihom tkun merfugħail-merkanzija. Il-perit ta’ dan il-proġett kien Ovidio Doublet. L-ewwel ġebla tal-pjanta ta’ din il-belt kienet tqiegħdet fit-22 ta’ Lulju, 1875. Għaċ-ċerimonja li saret kienu attendew il-Gvernatur Sir Charles van Straubenzee, l-Isqof Mons. Carmelo Caruana u l-Awtoritajiet Ċivili u Militari. Kien hemm iddoqq il-banda tar-Royal Malta Fencible Artillery. Għall-okkażjoni kienet twaqqfet arkata dekorattiva, bl-istemma tal-Familja Rjali. Il-proġett marittimu kien ingħata l-isem ta’ Albert Town, b’rispett, ġieħu tifkira tal-Prinċep  Albert, il-konsorti tar-Reġina Victoria, li kien miet fl-1861. Parti minn dan il-proġett bdiet tkun magħrufa bħala l-Belt il-Ġdida jew Portu Novu. Għall-ewwel Albert Town kienet tagħmel parti mill-parroċċa tar- Raħal Ġdid, iżda fl-1913 din ingħaqdet mal-Marsa, li kienet għadha kemm saret parroċċa. Illum dan l-ambjent jiġbor fih ħafna stabbilimenti tan-negozju u dik iż-żona tal-Marsa Shipbuilding li hi magħluqa u li bħalissa qiegħda tistenna li tintuża għal skopijiet ta’ negozji ġodda. Sors: Il-Marsa – Storja ta’ Ħamsin Sena – 1913-1963 ta’ P. Donat. Ħajr għal bosta informazzjoni miġbura: Michael Cassar.