Jew Alaxarxé jew Alaxanxé.

Avverb li jindika l-atteġġament ta’ xi ħadd li jagħmel affarijiet bl-addoċċ. Skont Joseph Aquilina (J.A.) u Erin Serracino Inglott (E.S.I.) dan l-avverb ġej mill-kelma Franċiża recherché li tfisser ‘imfittex għall-popolarità tiegħu’. Meta wieħed jifli t-tifsira tal-kelma recherché wieħed isib li dan hu appellattiv għal xi ħaġa li saret b’mod, li kienet apprezzata minħabba il-mod tajjeb kif saret. Dan huwa l-oppost ta’ dak li ngħidu biha llum. Il-kelma recherché  sibtha f’żewġ kitbiet bl-Ingliż f’dawn il-kuntesti:  a) f’rapport li deher fl-1907 dwar iż-żjara tar-Re Dwardu VII f’Malta, fejn l-awtur, b’riferenza dwar ir-Royal Opera House tal-Belt, jikkwota hekk: “The beautiful decorations, costly furniture and rich carpets were of the daintiest and most recherché style”; Sors: History in Marble, ta’ Michael Ellul, p.152. b) f’deskrizzjoni ta’ nbejjed ta’ kwalità f’Muir’s Almanac tal-1845, meta l-awtur jiddeskrivi l-kwalitajiet tajbin tal-Princess Royal Hotel, fil-Belt: “… it served wines of the most recherché quality direct from the Vigneron”. Sors: ‘19th Century Hotels in Malta’ ta’ Paul Cassar, Melita Historica Vol VIII, No 2, 1981, p.116. Jidher għalhekk illi din il-kelma ġiet imbiddla mit-tifsira oriġinali tagħha biex bdiet tingħad b’mod sarkastiku, u biż-żmien dan is-sarkażmu intesa’. Ara wkoll: Maltese – English Dictionary, ta’ Joseph Aquilina (J.A.), u Il-Miklem Malti l-Ewwel Volum, ta’ E.S.I.