Xi żmien ilu, bis-saħħa tal-Assistant Segretarju tal-Għaqda, s-Sur Karmenu Pace, ġiet f’idejja pubblikazzjoni maħruġa mis-Società Economico-Agraria del Gruppo di Malta fl-1849.  Kien jisimha Calendario Dell’Agricoltore per l’Anno 1849.  X’aktarx li din ma kenitx l-ewwel darba li s-Società Economico-Agraria ħarget dan il-kalendarju, imma fis-sena 1849, u fis-sena ta’ wara (1850), għall-ewwel darba l-Kalendarju ħareġ b’żewġ lingwi: bit-Taljan u bil-Malti.

Kitba ta’ Ġużi Gatt. Dan l-artiklu deher oriġinarjament fl-Imnara Nru 38, 2014.

L-isem bil-Malti kien: Calendariu tal Bidwi ∩al Sena 1849 pubblicat mis-società Economico-Agraria tal-Ghizer (sic) ta Malta.  L-alfabett użat isegwi, bejn wieħed u ieħor, ir-regoli tat-Taljan, imma l-ittra GĦ hi miktuba ∩, waqtilli l-Ħ għandha rasha maqtugħa.  Il-Malti tiegħu hu Malti tajjeb ħafna, imma żgur li min kitbu ma kellux f’rasu li juża l-“Malti Safi”.  Hu Malti maħsub biex jinftiehem minn min kien interessat fis-suġġett; jiġifieri, fost l-oħrajn, il-bdiewa Maltin.

Il-ħsieb tal-Kalendarju kien li jfakkar lill-bidwi kif għandu jsir ix-xogħol, iż-żrigħ, it-taħwil, il-ħrit, it-tisqija, u l-ħsad tal-uċuħ tar-raba’ matul is-sena, imma ma setax jonqos li l-ewwel paġni ma jkunx fihom listi li jagħtu, jum b’jum, il-festi tal-qaddisin, u r-ritwali u l-liturġija tal-Knisja Kattolika.  Dawn ir-ritwali fi żmienna qiegħdin isiru, jew diġa’ saru, folklor, u t-tagħrif li hemm fil-kalendarju spiss ikun irid jiġi mfisser lin-nies tal-lum għax inkella ma jifhmuhx sew.

IL-KWATTRUTEMPRI

Skont dan il-Kalendarju, it-28 ta’ Frar tal-1849 kien il-Kwattrutempri tar-rebbiegħa.  X’kienu dawn il-Kwatrutempri?

Fil-kalendarju liturġiku tal-knejjes Nsara tal-pajjiżi tal-Punent, (il-knejjes “tal-Lvant”, dawk li għandhom liturġija “Griega” ma jafux b’din id-drawwa) il-Kwattrutempri kienu erba’ żminijiet ta’ tliet ijem ‘il wieħed, bil-ġranet dejjem ikunu l-Erbgħa, il-Ġimgħa, u s-Sibt.  L-Erba’ Kwattrutempri ta’ matul is-sena, kienu jkunu mbiegħda minn xulxin bejn wieħed u ieħor bl-istess tul ta’ żmien, u kienu jaħbtu qrib ħafna tal-bidu ta’ kull staġun – infatti baqgħu jissejħu “tar-rebbiegħa”, “tas-sajf”, “tal-ħarifa”, u “tax-xitwa”.  Isimhom bil-latin: quattuor anni tempora ifisser ukoll “l-erba’ staġuni tas-sena”, imma fil-liturġija tal-knisja dawn il-ġranet kienu jiġu ffissati skont il-kalendarju liturġiku.  L-aktar Kwattrutempri ħafif biex tfisser kif kien jiġi kkalkulat kien dak “tal-ħarifa”.  Waħda mil-festi magħrufa ta’ dari, u li llum għoddhom intesew, kienet dik ta’ SANTU KRUĊ.  Illum din nafuha bħala “tas-Salib Imqaddes”.  Santu Kruċ jaħbat dejjem fl-14 ta’ Settembru, u l-Kwattrutempri tal-ħarifa jkun dejjem fl-ewwel Erbgħa, il-Ġimgħa u s-Sibt ta’ wara Santu Kruċ.

Il-festa ta’ Santu Kruċ kienet familjari ħafna mal-bdiewa ta’ dari.  Mhux wieħed u tnejn mill-bdiewa xjuħ li kellimt qaluli li meta jkun għadda s-sajf, imma dejjem “wara Santu Kruċ” kont tiftaħ il-ħamrija billi taħratha bil-moħriet ħalli tkun lesta għall-ewwel xita.  Fl-ewwel Erbgħa wara Santu Kruċ il-knisja kienet tibda tiċċelebra l-Kwattrutempri tal-ħarifa.  M’hemmx dubju li fin-nisel tagħhom il-kwattrutempri kienu maħsuba biex, fil-bidu ta’ kull staġun, il-bniedem ikollu ritwal maħsub biex jiżgura li kollox imur sewwa fil-qasam tal-biedja u l-produzzjoni tal-ikel.  Fl-1849 l-erba’ Kwattrutempri ġew hekk:

Tar-rebbiegħa, kif diġa’ għidna fit-28 ta’ Frar u fit-2 u t-3 ta’ Marzu,

Tas-sajf fit-30 ta’ Mejju u fl-ewwel u t-2 ta’ Ġunju,

Tal-ħarifa fid-19, 21 u 22 ta’ Settembru,

u tax-xitwa fid-19, 21 u 22 ta’ Diċembru.

Biex ma nħalluhiex ħelwa għal melħa, minbarra dik tal-ħarifa se ngħidu wkoll kif kienu jiġu kkalkulati t-tlieta l-oħra: Il-Kwattrutempri tar-rebbiegħa kien jiġi bejn l-ewwel u t-tieni Ħadd tar-Randan; dak tas-sajf bejn Għid il-Ħamsin u l-festa tat-Trinita’, u dak tax-xitwa bejn it-tielet u r-raba’ Ħadd tal-Avvent.

Fil-Kwattrutempri, il-Kattoliku kien obbligat li jsum.   Dari, is-sawm fil-kwatrutempri kien imsemmi anke fil-“Preċetti tal-Knisja” li, nies tal-eta tiegħi jafu, konna nitgħallmu bl-amment fil-lezzjonijiet tad-dutrrina.  It-tieni preċett (kien) jgħid:

Sum ir-Randan, l-Erba’ Żminijiet – tal-Kwattru Tempri – u lejliet il-jiem l-iżjed imqaddsin tal-knisja – fil-Vġejjel Kmandati – u la tikolx laħam meta ma jiswiex.[1]

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sawm, il-Kalendarju tal-Bidwi tal-1849 ukoll juża kelma li ħaqqha kumment.  Skont il-Kalendarju, ċerti ġranet, bħal ngħidu aħna s-Sibt 23 ta’ Ġunju, jew l-Erbgħa 21 ta’ Ottubru, kienu “vġili bis-sawm u bla inġiesa”.  X’jiġifieri?

Il-Liġi Kanonika ma tiddefinix eżatt x’jiġifieri “ssum”.[2]  Imma tradizzjonalment “issum” tfisser tiekol ikla waħda sħiħa, u sa żewġ ikliet żgħar jew “kolazzjonijiet” f’ġurnata.  Jekk tagħmel hekk tkun qed issum, imma jekk is-sawm ried ikun “bla inġiesa” kien ifisser li lanqas ma stajt tiekol laħam.  Dawn huma żewġ affarijiet differenti – m’humiex l-istess.  Dari spiss kont nisma’ n-nies jgħidu (ommi l-ewwel waħda) “bħal-lum jien ma nniġġisx!”  Dak kien ikun ifisser li f’dak il-jum dak li jkun ma jkunx jiekol laħam; ma kienx ifisser li b’daqshekk dak li jkun qed isum.  Seta’ jiekol l-ħut, jew il-ħaxix, jew l-għaġin, u jiekol kemm irid, imma jekk ma jikolx laħam “ma jkunx qed iniġġes.”

Imma ċerti ġranet tas-sena kienu (u għadhom) ikunu “sawm bla inġiesa”.  Illum, b’xorti ħażina, qed jingħad “sawm u astinenza”.

Il-jiem tal-Kwattrutempri kienu għall-Kattoliku jien ta’ sawm bla inġiesa, imma fis-17 ta’ Frar 1966, il-Papa Pawlu VI, fid-digriet tiegħu Paenitemini neħħa dawn il-ġranet minn ġranet ta’ sawm.

SAN GIRGOR

Skont il-Kalendarju tal-Bidwi, l-festa ta’ San Girgor Papa kienet taħbat fit-12 ta’ Marzu.  Fil-fatt hekk kien sal-1969, meta d-data ġiet riveduta, skont direttivi li ħarġu mill-Konċilju Vatican it-Tieni, u bdiet issir fit-3 ta’ Settembru.  Il-Kalendarju tal-1849 jafha ssir fit-12 ta’ Marzu, u ħdejn dik id-data niżżel hekk:

S. Girgor p. u duttur tal-knisja – Purċissjoni tal-parroċċi u l-fratellanzi kollha ta’ Malta għall-parroċċa l-qadima taż-Żejtun. F’Għawdex issir l-istess purċissjoni għall-knisja ta’ dan il-qaddis, b’wegħda wisq antika.  Il-purċissjoni ta’ Malta f’dawn iż-żminijiet issir fl-ewwel Erbgħa wara l-Għid.

U fil-fatt, għal nhar l-Erbgħa 11 ta’ April 1849, li kien jaħbat l-ewwel Erbgħa ta’ wara l-Għid, il-Kalendarju niżżel hekk:

S.Leone p. u duttur tal-Knisja – Purċissjoni tal-parroċċi kollha għall-parroċċa antika taż-Żejtun, trasferita mit-12 ta’ Marzu. (Fiż-żewġ każi, l-enfasi hija tiegħi).

Fil-Ktieb tiegħu Drawwiet u Tradizzonijiet Maltin, il-President Onorarju tal-Għaqda tagħna Guido Lanfranco jgħid li l-purċissjoni ta’ San Girgor ma baqgħetx issir f’Marzu għax “kienet tinzerta wisq spiss fir-Randan, għalhekk mexxewha lura fi żmien (l-Isqof) Labini”.[3]  L-Isqof Labini miet fl-1807, imma l-Kalendarju tal-1849 baqa’ jiftakar li dari l-puċissjoni ta’ San Girgor kienet  issir nhar il-festa tal-qaddis.

IL-ĦAMIEM IMQADDES

Laqatni ħafna l-fatt li s-Sibt 6 ta’ Jannar, tal-1849, għall-Kalendarju tal-Bidwi kien  Il-Ħamiem Imqaddes.  Bit-Taljan kien hemm miktub li f’dik id-data kienet taħbat l-Epifania di Nostro Signore.  Is-7 tax-xahar kien l-ewwel Ħadd fuq il-Ħamiem, u mit-tmienja sat-tlettax tax-xahar kienet l-Ottava tal-Ħamiem.  It-28 ta’ Jannar kien ir-raba’ Ħadd fuq il-Ħamiem.  Il-fatt li l-Maltin kienu jafu l-Epifania bħala Għid il-Ħamiem hu ta’ interess kbir.  Ħafna snin ilu, il-Professur Pietru Pawk Saydon kien diġa nduna b’dan u kiteb nota fuq dan il-fatt, nota li xxandret fil-Melita Theologica, Vol. VII, Nru. 1.[4]  Il-Profs fakkar li fil-kalendarju tal-Knejjes “tal-Lvant”, dawk tar-“Rit Grieg”, is-6 ta’ Jannar kienet il-festa tal-Magħmudija ta’ Kristu.  X’aktarx li l-isem it-tajjeb kellu jinkiteb Għid il-Ħammiem, jew Il-Ħammiem Imqaddes. “ħammiem” b’doppja M, tfisser “banju”, u l-kelma tirreferi għall-magħmudija ta’ Kristu, meta niżel kollu kemm hu fl-ilma tax-xmara Ġurdan.  Dan hu ħjiel ieħor li qabel ma qabad l-art ir-rit Latin, f’Malta kien hawn ir-Rit Grieg li, ftit ftit ġie eliminat biex il-Knisja Maltija tkun konformi ma’ dik ta’ Ruma. Ftit ftit ġie eliminat ukoll ħafna kliem Semitiku li hu importanti li ma jintilifx, għax jitfa’ ħafna dawl fuq l-istorja ta’ Malta.  Għid ieħor li jissemma fil-Kalendarju tal-Bidwi hu L-Għid tal-Imwiet li, fl-1849, ħabat il-Ġimgħa (2 ta’ Novembru).

Biex ma nħalluhiex barra, nsemmu li l-Kalendarju tal-Bidwi jgħarrafna li fl-Ottava tal-Ħamiem “Jingħamel ringrazzjament lil Alla li ħelisna mill-flaġell tat-terremoti li kienu fil-ħdax ta’ Jannar 1693, u fil-21 ta’ Frar 1743.”

IR-ROGAZZJONIJIET

Il-Kalendarju tal-Bidwi jkompli jgħidilna li f’ċerti ġranet kienet issir “purċissjoni tar-regazzjonijiet”.  Hekk sar, ngħidu aħna, nhar it-Tnejn, it-Tlieta, u l-Erbgħa, 14, 15, u 16 ta’ Mejju, 1849. Il-15 ta’ Mejju tkun il-festa ta’ “San Isodoru Bidwi, protettur tal-Bdiewa”.  X’ikunu dawn ir-Rogazzjonijiet?  Fil-ġranet tar-rogazzjonijiet, minbarra  l-purċissjoni kient titkanta wkoll il-Litanija tal-Qaddisin.  Minn tagħrif li sibna[5] l-kelma Rogazzjoni ġejja mill-verb Latin Rogare li tfisser “titlob” (jew “tittallab”), u d-drawwa tmur mad-drawwiet l-oħra kollha li fihom il-bniedem kien jittallab u jibki quddiem is-setgħa li tmexxi n-natura biex din ikollha ħniena mill-bniedem u tħarsu mill-ġuħ u mill-mard tal-uċuħ tar-raba’.  Mhux għaġeb li kienet issir purċissjoni ta’ dan it-tip fil-festa tal-Patrun tal-Bdiewa.  Il-qassis, fil-quddiesa ta’ wara jew qabel il-purċissjoni kien jilbes il-Vjola.  Fl-1969, skont ix-xewqa tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, saret riforma fil-kalendarju liturġiku, u l-purċissjonijiet tal-rogazzjonijiet naqsu ħafna minn kif kienu dari.

IS-SEJBA TA’ SAN STIEFNU

Nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Awwissu 1849 kienet is-Sejba ta’ San Stiefnu l-ewwel Martri.   Bit-Taljan din ġiet Invenzione di s. Stefano protom.  San Stiefnu kien meqjus bħala l-ewwel Martri tal-Knisja.  L-Atti tal-Appostli, Kap. 8, vers 2 jgħidilna: Xi rġiel tajba difnu ‘l Stefnu u għamlu tinwiħ kbir għalih.  Imma l-Atti tal-Appostli ma jsemmi xejn fejn kien indifen Stefnu.  Fis-sena 415 Wara Kristu, qassis li kien jismu Luċjan qal li kien ħolom ħolma li fiha tnebbaħ fejn kien jinsab l-għadam ta’ San Stiefnu.  M’għandnix xi ngħidu, l-awtoritajiet ħadu din il-ħolma bis-serjeta’.  Fit-3 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, l-għadam instab, u issa dan qiegħed għall-qima tal-fidili fil-knisja ta’ San Stefnu f’Ġerusalemm.  It-tifkira tas-“sejba” ta’ San Stefnu baqgħet issir sas-snin sittin.

Ta’ min jgħid ukoll li t-12 ta’ Diċembru, 1849 kienet titfakkar is-sejba tal-ġisem ta’ San Franġisk t’Assisi.

ĦADD LAŻŻRU

Il-25 ta’ Marzu, li kien il-ħames Ħadd tar-Randan jissejjaħ fil-Kalendarju bħala Ħadd Lażżru, fil-waqt li l-ewwel Ħadd wara l-Għid jissejjaħ Ħadd il-Ġdid.

DRAWWIET LI NTEMMU

Fis-17 ta’ Jannar, festa ta’ Sant Antnin Abbati, kienu “jitbierku ż-żwiemel fil-knisja tal-Vitorja tal-Belt”.

Fil-5 ta’ Frar, festa ta’ Sant Agata li, skont il-kalendarju kienet: “waħda mit-tieni (sic) patruni tagħna; protettriċi tan-nissieġa. Il-Katidral tagħmel proċessjoni għall-knisja ta’ din il-qaddisa, b’ringrazzjament ‘l Alla li ħelisna mill-Assedju tat-Torok tal-1551.”   Il-kalendarju ma jgħidx x’kien isir Għawdex.  Kif nafu, fl-Assedju tal-1551 Malta kienet ħelsitha ħafif, imma Għawdex kien laqqatha sewwa!

Fis-16 ta’ Awwissu, l-għada ta’ Santa Marija, f’Malta kienu “iġerru l-bhejjem fil-Pieta”.

Fis-7 ta’ Settembru kien “anniversarju fil-parroċċi għal erwieħ missirijetna li waqgħu martri fl-Assedju tal-1565”.

META JISTA’ JSIR IŻ-ŻWIEĠ

Il-Kalendarju tal-Bidwi tal-1849 jgħidilna wkoll meta jista’ “jsir iż-żwieġ“.  Fl-1849 iż-żwieġ seta’ jsir mis-7 ta’ Jannar sal-20 ta’ Frar; u mis-16 t’April sal-ewwel ta’ Diċembru.

Jidher għalhekk illi mill-ewwel Ħadd tal-avvent, f’Diċembru, sal-Ħamiem Imqaddes fis-6 ta’ Jannar, ma kienx isir żwieġ fil-knejjes; u l-istess jgħodd għal minn Ras ir-Randan sa Ħadd il-Għid.

Fl-1938 Dun Gius. M. Xerri ħareġ ktieb jismu Lin-Nisrani: Il-Preċetti tal-Knisja u l-Peni.

Fil-bidu nett tal-ktieb, qabel ma beda jispjegahom, Dun Ġużepp niżżel x’kienu dawn il-ħames “Preċetti”:

  1. Isma’ l-quddies fil-Ħdud ul-Btajjel kollha.
  2. Sum ir-Randan, l-Erba’ Żminijiet – tal-Kwattru Tempri – u Lejliet il-Jiem l-iżjed imqaddsin tal-Knisja – fil-Vġellel Kmandati – u la tikolx laħam meta ma jiswiex.
  3. Qerr għall-inqas darba fis-sena u tqarben għall-Għid il-Kbir.
  4. La tagħmilx żwieġ meta l-Knisja ma tridx.
  5. Ħallas l-għexur li jmissu lill-Knisja.[6]

Skont Dun Ġużepp Xerri (li, ma ninsewx, kien qed jikteb fl-1938) b’dan il-Preċett il-Knisja riedet li l-Insara jħarsu sewwa ż-żewġ festi tal-Milied u tal-Għid, u l-jiem ta’ tħejjija għalihom, u għalhekk ma kellhomx isiru tiġien u ħwejjeġ oħra li “jistgħu jkunu ta’ tfixkil għall-ġabra f’dan iż-żmien magħżul għat-talb, għat-tgħakkis tal-ġisem,  għall-indiema tad-dnubiet, u għas-sejħa t’Alla.”[7]

Dun Ġużepp ikompli jfisser li ż-żwiġijiet setgħu isiru s-sena kollha, imma jekk iż-żwieġ isir fi żmien li l-Knisja ma tridx, ma tkunx tista’ tingħata dik li Dun Ġużepp ifisser bħala “l-Barka Solenni”.  U x’kienet din il-barka solenni?  Fil-quddiesa msejħa “pro Sponso et sponsa” wara l-“Pater Noster” il-qassis idur lejn l-għarajjes u jitlob biex “Alla jżomm idejh fuq l-għarusa ħalli tħobb lil żewġha bħal Rakeli; ikollha l-għerf ta’ Rebekka, tgħix ħajja twila bħal Sara, u t-tnejn flimkien jirnexxielhom jaraw it-tfal, tat-tfal, tat-tfal tagħhom (jgħixu sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni) u jasla għal tant mixtieqa xjuħija.

Fl-aħħar qabel ma jbierek lin-nies li jkunu jisimgħu l-quddiesa, il-qassis jerġa’ jgħidilhom: “Alla ta’ Abram, ta’ Iżakk, ta’ Ġakobb ikun magħkom biex tassew taraw it-tfal tat-tfal, tat-tfal tagħkom, u wara jkollkom l-hena tal-ġenna, bl-għajnuna ta’ Kristu li flimkien mal-Missier u mal-Ispirtu s-Santu qiegħed jgħix u jsaltan għal dejjem”.  Hekk ikun.  Wara jraxxax fuqhom ilma mbierek.  Għandhom ifittxu l-għarajjes li ma jitilfux din il-barka hekk għażiża u għalhekk iqisu li ma jiżżewġux fiż-żmien li l-Knisja ma tridx.”[8]

Fi żmienna l-uniċi jumejn li fihom il-Knisja “ma tridx” li jsir iż-żwieġ huma l-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid.  Il-barka solenni li jsemmi Dun Ġużepp qatt ma smajtha tingħad fil-quddies taż-żwieġ li attendejt għalihom jien f’għomri.

FESTA TAL-QUDDIES U BTALA 

Il-Kalendarju juri liema ġranet kienu festi pubbliċi.  Jekk inħallu barra l-Ħdud kollha ta’ matul is-sena nsibu dawn il-festi:

L-1 ta’ Jannar: “Nhar l-Istrina

Is-6 ta’ Jannar: “Il-Ħamiem Imqaddes

Il-25 ta’ Jannar: “Il-konverżjoni ta’ S. Pawl appostlu.  Fil-katidral jitkanta Te Deum b’ringrazzjament ‘l Alla li ħelisna mill-kolera tal-1837

Is-17 ta’ Mejju: “Lapsi

Is-7 ta’ Ġunju: “Festa tas-Sagrament

Id-29 ta’ Ġunju: “Festa ta’ S. Pietru, u ta’ S. Pawl appostli.  Issir tiġrija fl-Imdina

Il-15 t’Awwissu: “S. Maria. F’Għawdex issir tiġrija tal-bhejjem

L-1 ta’ Novembru: “Il-Qaddisin Kollha

Il-25 ta’ Diċembru: “Il-Milied Imqaddes

Wieħed malajr jifhem li l-Ħamiem Imqaddes (it-Tre Re), il-Konverżjoni ta’ S. Pawl, Lapsi, il-festa tas-Sagrament (Corpus), u l-Qaddisin Kollha, fl-1849 kienu, imma fi żmienna m’għadhomx festi pubbliċi.  Imma araw ftit x’kien hemm miktub għall-festa ta’ San Pawl:

L-10 ta’ Frar: “In-nawfraġju ta’ San Pawl Appostlu, titular ta’ waħda mill-parroċċi tal-Belt, festa tal-quddies u btala fil-Belt u l-Furjana.

Dik il-ġurnata ma kinitx immarkata bis-sinjal li kienet “Festa tal-Quddies u Btala”.  U lanqas ma kienet immarkata b’sinjal ieħor li juri li kienet biss “Festa tal-Quddies”.  Il-kalendarju jagħtik x’tifhem li l-10 ta’ Frar kienet biss “festa tal-quddies u btala fil-Belt u l-Furjana”.

Wieħed jista’ jinnota wkoll li la San Ġużepp, la l-Vitorja, u lanqas il-Kunċizzjoni m’huma qegħdin fil-lista tal-btajjel.  Dawn kienu biss “festi tal-quddies”.

ŻEWĠ NOTI ĦELWIN MILL-KTIEB TA’ DUN ĠUŻEPP XERRI

Xtaqt intemm din il-kitba billi nikkwota żewġ paragrafi mill-ktieb “Lin-Nisrani: Il-Preċetti tal-Knisja u l-Peni”, li diġa semmejna.

Waqt li kien qed jgħallem fuq is-sawm, Dun Ġużepp kiteb hekk:

M: – Għaliex il-Knisja tridna nsumu fl-Erba’ Żminijiet (fil-Kwatru tempri)?

T: – Biex inqaddsu l-bidu tal-erba’ żminijiet (staġuni) tas-sena ħalli Alla jkattar u jżomm sħaħ l-uċuħ tar-raba’ fuq l-art; u biex inroddulu ħajr tal-ġid li jkun bagħtilna fiż-żmien (fl-istaġun) li jkun għadda.  Il-Knisja tridna wkoll li nqaddsu dan iż-żmien bis-sawm biex Alla jibgħat qassisin tajba fil-qasam (spiritwali) tiegħu, u għalhekk fil-jum tas-Sibt ta’ dawn iż-żminijiet l-Isqof aktarx jaħtar (jordna) il-qassisin ġodda.[9]

Meta daħal aktar fid-dettal ta’ kif wieħed għandu jsum, Dun Ġużepp kiteb hekk:

M: – Kemm wieħed jinħtieġ li jiekol laħam biex jagħmel dnub mejjet?

T: – Biex tikser il-liġi tal-Knisja biżżejjed nitfa laħam, iżda biex jagħmel dnub mejjet u jkun ħaqqu għal dejjem l-infern, jinħtieġ li jiekol, kif jaħsbu xi wħud, daqs uqitejn u nofs (62.5 gr.) laħam.[10]

Hmmm….Tajjeb li tkun taf.

NOTI

[1] Guido Lanfranco, Drawwiet u Tradizzonijiet Maltin, PIN, Malta, 2001, paġna 225.  Lnafranco, fir-referenzi jikkwota lil A. Ferris u lil A. Bonnici, ara nota 59 f’paġna 229.

[1] Dun Gius. M. Xerri, Lin-Nisrani – il-Preċetti tal-Knisja u l-Peni, Empire Press, Malta, 1938, paġna 1.

[2] Ħafna mit-tag]rif imniżżel f’dan l-ariklu ]adtu mill-Catholic Encyclopedia, New York, Robert Appleton Company, mill-Encyclopaedia Brittanica, 1911, u mill-Wikipedia.  Fittex ta]t Ember Days, Fasting, u Abstinance.

[3] Guido Lanfranco, Drawwiet u Tradizzonijiet Maltin, PIN, Malta, 2001, paġna 225.  Lnafranco, fir-referenzi jikkwota lil A. Ferris u lil A. Bonnici, ara nota 59 f’paġna 229.

[4] Saydon, P.P. Short Notes, Melita Theologika, Vol. VII, No. 1, 1954, paġni 47-48.

[5] Ara Rogation Days fil-Wikipedia

[6] Dun Gius. M. Xerri, Lin-Nisrani – il-Preċetti tal-Knisja u l-Peni, Empire Press, Malta, 1938, paġna 1.

[7] Ibid, paġna 143.

[8] Ibid, paġni 143-144

[9] Ibid, paġna 64.

[10] Ibid, paġna 67