Pittura mpinġija fuq il-ħajt jew mas-saqaf. L-affresk isir billi l-ewwel titbajjad il-ġebla bil-ġir, u hekk kif il-ġir ikun għadu frisk, titpinġa l-immaġini li l-pittur ikun irid jagħmel. F’Malta għandna diversi eżempji ta’ affreski f’bosta binjiet, l-aktar fil-knejjes. Biex nagħti ftit eżempji, insemmi l-affreski tal-kappella fil-katakombi ta’ Sant’Agata, l-affreski fil-kappella ta’ Ħal Millieri u dawk li jinsabu fil-kappella ta’ Bir Miftuħ. Dawn kollha jmorru lura għas-seklu ħmistax. Hemm ukoll l-affreski fil-Palazz tal-Gran Mastru u dawk tal-Palazz tal-Verdala. Dawn l-affreski huma tas-seklu sittax. Wieħed ta’ min jagħmel differenza bejn dawn l-affreski u t-tpinġija li hemm mas-saqaf tal-Konkatidral ta’ San Ġwann. Dan għaliex dawn tal-aħħar mhumiex affreski għaliex ma tpinġewx bl-istess teknika. Mattia Preti pinġa dan ix-xogħol tiegħu dirett fuq il-ġebla mingħajr ma uża  passata tal-ġir bħala bażi. Preti kien iddeċieda li jaħdem dirett fuq il-ġebla għax kien ċert li l-ġebla tal-franka kienet se tassorbi l-kuluri friski li hu kien jipprepara biex ipinġi bihom. L-arti maħduma direttament fuq il-ħajt jew mas-saqaf, kif ukoll direttament fuq il-ġebla,  tissejjaħ ‘murali’.