Dan l-appellattiv ġej mil-Latin ECCE HOMO, li hija rif. għall-figura ta’ Kristu msawwat u mżeblaħ, irraffigurat b’ġismu kollu dmija. Jeżistu kemm pitturi kif ukoll statwi ta’ dan l-episodju mill-Passjoni ta’ Kristu. Fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, l-istatwa ta’ din ir-raffigurazzjoni tissejjaħ ukoll ‘Il-Porpra’, għax il-figura ta’ Kristu tkun imlibbsa mantell aħmar fil-vjola. Kristu kien akkużat li kien qed jipproponi lilu nnifsu bħala s-Sultan tal-Lhud. Skont ir-rakkont tal-erba’ evanġelisti Ponzju Pilatu, il-gvernatur Ruman fil-provinċja tal-Ġudea, ippreżenta ’l Kristu lil-Lhud, wara li dan kien ifflaġġellat, u qalilhom ‘Dan hu l-bniedem’ – li bil-Latin tinqara: Ecce Homo. Idjoma (idj.): kellu wiċċu mdemmi qisu aċċjomu bix-xebgħa li qala’. Din l-esp. tirreferi għall-istat li tkun fiha persuna msawwta u feruta għall-mewt.