Fiż-żmien meta l-ilsien Malti kien għadu mhux rikonoxxut bħala l-ilsien nazzjonali, jiġ. qabel l-1934, kien hemm xi skejjel privati fejn kien ikun imgħallem u mitkellem it-Taljan u l-Ingliż biss. Meta xi student kien jazzarda jitkellem bil-Malti dan kien jingħata kastig billi titwaħħal karta fuq daru bil-kelma ACCIPE miktuba fuqha, bħala ammonizzjoni biex dan ma jitkellimx aktar bil-Malti waqt il-ħin tal-iskola. Meta mbagħad xi tifel ieħor jinqabad jitkellem bil-Malti hu wkoll, din il-karta kienet tittieħed mingħand l-ewwel tifel u tingħata lit-tieni wieħed. Din il-karta kienet b’hekk iddur dawk it-tfal kollha li jinqabdu jitkellmu bil-Malti biex tammonihom u fl-istess ħin tavvelihom ma’ sħabhom. Ġieli minflok karta kienet tintuża injama qisha riga bl-istess kliem fuqha. Lat. accipe: M. tirċievi. Ara: ‘PARI PASSU’, fil-ktieb Bejn Kliem u Storja, p.p. 174-175.