Disinn, skizz, buzzett, jew mudell li l-artist jikkrea fuq skala ħafna iżgħar mis-mil-miżura tas-suġġett li jkun irid jipproduċi, bħala prova preliminari tal-oġġett artistiku proprju. Dan l-abbozz ikun ippreparat norm. anki biex l-artist ikun jista’ jipproponi l-ideat u x-xogħlijiet tiegħu lil min ikun tħajjar jikkummissjunah. Abbozz jista’ jsir b’disinn bil-lapes jew b’diversi kuluri jekk ikun impinġi, inkella, jekk ix-xogħol ikun ta’ skultura, jintuża mudell tat-tafal jew tal-ġibs. Hu normali li f’ħafna proġetti bħalma huma l-pitturi fil-knejjes, l-ewwel ikun ippreżentat l-abbozz. Jeżistu ħafna abbozzi ta’ tpinġijiet u skulturi ta’ artisti magħrufa li fihom infushom huma kkunsidrati bħala xogħlijietg prestiġjużi. Bħala eżempji ta’ xi abbozzi li huma għall-wiri nsibu l-istudji tal-artist famuż Mattia Preti, fil-Mużew tal-Arti l-Belt, u xogħlijiet fl-iskultura ta’ Lorenzo Gafà jew Antonio Sciortino, fl-istess mużew.