Fl-antik din il-kelma kienet tintuża waħedha meta xi ħadd, b’mod l-aktar enfatiku, kien irid jagħmel punt ta’ diżapprovazzjoni. Erin Serracino Inglott (E.S.I.) jagħti dawn it-tifsiriet għall-kelma ‘abaj’: ‘Mur obsor għalik!’; ‘Le, ħej!’; jew ‘Mur ’l hinn, trid!’ Mikiel Anton Vassalli (M.A.V.) fid-dizzjunarju tiegħu Ktyb Yl Klym Malti (1796), jagħti dawn l-eżempji: ‘Abaj ma ikrahek!’ – jiġ. qisu qiegħed jgħid: ‘Ill! X’waħda din, kemm int ikrah!’; ‘Abaj, x’waħda ġratli!’ Joseph Aquilina (J.A.) jqabbel din l-espressjoni ma’ esklamazzjoni li għandha ftit minn ‘ajbu’. Biss A. de S. jispjega din il-kelma fid-Damma b’dan il-mod: Abai! Ah che! Sempre quasi con ammirazione, Lat. Quid!